Il-Fruntieri Rumani tad-Danubju (bil-Ġermaniż: Donaulimes; bl-Ingliż: Danube Limes) jirreferu għall-fruntiera militari Rumana jew limes tul ix-xmara Danubju fl-istat federali Ġermaniż tal-Bavarja, fl-Awstrija, fis-Slovakkja, fl-Ungerija, fil-Kroazja, fis-Serbja, fil-Bulgarija u fir-Rumanija.
Id-Danubju mhux dejjem kien jintuża mir-Rumani, jew ma kinux jużaw it-tul kollu tax-xmara. Il-fruntiera militari ġiet imċaqilqa lejn it-Tramuntana jew lejn in-Nofsinhar f'xi postijiet skont il-ħakmiet militari, iżda f'bosta postijiet il-fruntiera nżammet bħala struttura difensiva permanenti għal perjodi twal. Il-fruntiera ġiet imsaħħa b'diversi torrijiet tal-għassa, kampijiet tal-leġjuni (castra) u fortijiet (castella). Minħabba n-natura mifruqa u mtajna tax-xtut tax-xmara Danubju ma nbnewx ħitan difensivi kullimkien, bħalma sar fil-każ tal-Fruntieri Rumani ta' Neckar-Odenwald fil-Ġermanja. Il-kampijiet inbnew f'nofs is-seklu 1. Iktar 'il quddiem, taħt Trajanu, il-kampijiet, li oriġinarjament kienu mdawrin biss b'trunċieri u tumbati bil-ħamrija, kienu mdawra b'ħitan tal-ġebel.
Triq Rumana magħrufa bħala t-Triq tad-Danubju (bil-Latin: Via Istrum) ġiet imwittija tul il-Fruntieri Rumani tad-Danubju, u kienet tikkollega l-istazzjonijiet, il-kampijiet u l-fortijiet saħansitra sad-Delta tad-Danubju.[1]
Fl-2021, is-segment tal-Punent tal-Fruntieri Rumani tad-Danubju tniżżel fil-lista tas-Siti ta' Wirt Dinji tal-UNESCO bħala parti mis-sett ta' Siti ta' Wirt Dinji tal-"Fruntieri tal-Imperu Ruman".[2]