Jum l-Indipendenza (Malta)

Dehra ta' ħwienet b'sinjali u kartelluni kontra l-okkupazzjoni Brittanika u favur l-indipendenza ta' Malta.

Jum l-Indipendenza hija waħda mill-ħames festi nazzjonali li għandha Malta. Dan il-jum ifakkar il-kisba tal-indipendenza tal-gżejjer Maltin mir-Renju Unit nhar il-21 ta' Settembru 1964.

Skont il-Kostituzzjoni tal-1964, Malta saret demokrazija parlamentari fi ħdan il-Commonwealth, l-għaqda tan-nazzjonijiet li kienu jiffurmaw parti mill-Imperu Britanniku. Wara l-Indipendenza, ir-Reġina Eliżabetta II baqgħet is-sovrana ta' Malta bit-titlu ta' Reġina ta' Malta u bil-gvernatur ġenerali jeżerċita l-awtorità f'isimha, filwaqt li d-direzzjoni u l-kontroll tal-gvern u tal-affarijiet nazzjonali kienu f'idejn il-kabinett fit-tmexxija ta' Prim Ministru Malti.

F'Ġunju tas-sena 1962, Ġorġ Borg Olivier kien għamel talba formali biex Malta ssir indipendenti u f'Settembru tal-1962 attenda l-laqgħa tal-Prim Ministri tal-Commonwealth. Fit-13 ta' Lulju 1963, Borg Olivier mexxa delegazzjoni tal-Gvern Malti fil-Konferenza dwar l-Indipendenza ta' Malta u li fi tmiemha tħabbar li Malta ser issir indipendenti. Il-Kkostituzzjoni għal Malta indipendenti għaddiet mill-Parlament u approvata mill-poplu f'referendum fi Frar tal-1964.


From Wikipedia, the free encyclopedia · View on Wikipedia

Developed by Nelliwinne