![]() |
Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
L-isem tal-Baħar Mediterran
Il-Mediterran ingħata bosta ismijiet matul is-snin f'bosta lingwi u minn popli diversi, kemm minn dawk li għexu u għadhom jgħixu madwaru kif ukoll minn oħrajn minn pajjiżi 'l bogħod li rriferew għalih matul is-sekli. Jidher li l-isem Mare Mediterrāneum jissemma l-ewwel darba fi żmien l-Imperu Ruman, fit-tielet seklu W.K. Apparentement, kien il-filosofu Gaius Julius Solinus li uża dan it-terminu għall-ewwel darba. Biss, l-eqdem dokument li juri dan it-terminu imur lura sas-sitt seklu W.K. miktub minn Isidore ta' Sevilja.Dan it-terminu jfisser, 'Fin-nofs tal-art' - riferenza għall-baħar li jinsab bejn l-artijiet, medius (in-nofs), terra (art), u - āneus (għandu l-għamla / jixbah). Il-Mediterran hu magħruf mill-Għarab bħala, al-Baḥr [al-Abyaḍ] al-Mutawassiṭ (البحر [الأبيض] المتوسط) 'il-Baħar (l-Abjad) tan-Nofs.
Ġeografija ġenerali
Il-Baħar Mediterran għandu tul ta' madwar 3.800 km (2.400 mil), filwaqt li l-erja tiegħu hi ta' 2.5 miljun km². Dan il-baħar hu magħqud mal-Oċean Atlantiku permezz tal-Istrett ta' Ġibiltà min-naħa tal-Punent, u mal-Baħar l-Aħmar permezz tal-Kanal tas-Swejż , li tħaffer fl-1869 biex jiffaċilita l-komunikazzjoni bil-baħar mal-Oċean Indjan. Mill-Istrett tad-Dardanelli l-Mediterran jagħqad mal-Baħar l-Iswed. Il-Mediterran hu maqsum f'diversi ibħra reġjonali. Prinċipalment, dawn huma, il-Baħar Adrijatiku, l-Baħar Eġew, l-Baħar Jonju, Il-golf ta' Sirte u l-Baħar Tirren. Il-perimetru kostali hu ta' madwar 46.000 km. Dan it-tul jgħaddi matul il-kosta ta' 22 pajjiż differenti.