Il-Prim Ministru ta' Malta jmexxi l-Gvern ta' Malta, u fil-protokoll jiġi eżatt wara l-President ta' Malta li għandu l-ogħla kariga statali minkejja li dan tal-aħħar għandu rwol kważi ċerimonjali. Il-Prim Ministru jiġi nominat mill-President, u d-deċiżjoni tiegħu jew tagħha tkun ibbażata skont is-sitwazzjoni fil-Parlament Malti. Il-Prim Ministru jrid ikollu maġġoranza ta' voti fil-Parlament biex jaqdi l-mandat. Ħafna drabi l-Prim Ministru jkun il-mexxej tal-iktar partit li jkun ġab voti f'elezzjoni ġenerali.
Sa mill-1921, Malta kellha b'kollox 14-il Prim Ministru. Il-kariga ta' Prim Ministru Malti ma kinitx teżisti bejn l-1933 u l-1947, kif ukoll bejn l-1958 u l-1962.