Dan l-artiklu għandu bżonn jiġi wikifikat biex jaqbel mal-istandard tal-Wikipedija. B'mod partikolari, dan l-artiklu huwa nieqes minn referenzi għal sorsi esterni li jivverifikaw il-fatti u perspettivi dwar is-suġġett. Jekk jogħġbok għin biex ittejjeb dan l-artiklu skont il-konvenzjonijiet tal-Wikipedija. |
Malta ilha abitata minn madwar 5200 QK u din iċ-ċiviltà preistorika baqgħet teżisti fil-gżejjer. Fiż-żminijiet bikrin, f'Malta kienu jgħixu diversi komunitajiet. Dan iż-żmien hu msejjaħ preistoriku minħabba li ma kien nkiteb xejn fih u għalhekk m'għandna l-ebda prova miktuba ta' dan il-perjodu. Hawnhekk naraw kif fl-iżvilupp tal-lingwa, it-taħdit jiġi qabel il-kitba, kif jiġi fil-ħajja ta' kull bniedem.
Meta ġew il-Feniċi semmew lill-gżira prinċipali Malat, li jfisser irmiġġ sikur. L-alfabett tal-Feniċi xtered malajr u n-nies bdew jitkellmu bil-Feniċju u iktar tard bil-Puniku. Il-Gżejjer Maltin wara waqgħu taħt il-kontroll tal-Kartaġiniżi fl-400 QK u wara l-Gżejjer saru parti mill-Imperu Ruman, 218 QK.
Meta l-Imperu Ruman inqasam fi tnejn, Malta waqgħet f'idejn il-Biżantini, l-hekk imsejħa Rumani tal-Lvant. Ir-Rumani kienu jużaw il-Latin u l-Grieg biex jikkomunikaw filwaqt li n-nies Maltin kienu jużaw il-Puniku u għalhekk il-Maltin kienu msejħa 'barbari', jigifieri nies li ma jitkellmux bil-Grieg.
Dawn tal-aħħar ġew megħluba minn forza ta' Għarab fis-sena 870. L-Għarab influwenżaw il-lingwa tal-pajjiż, il-Malti, u dan l-element semitiku għadu ħaj sal-ġurnata tal-lum fl-ilsien tal-poplu. L-Għarab xerrdu it-twemmin Islamiku fost il-Maltin u daħħlu wkoll metodi ġodda fl-agrikoltura. L-Għarab għexu u tħalltu mal-Maltin għal mitejn sena, mill-1049 sal-1249. F'dan iż-żmien kien hawn Maltin li żżewġu lill-Għarab u anke qelbu r-reliġjon.
Fl-1091, in-Normanni ħadu l-Gżejjer Maltin taħt it-tmexxija tagħhom, u anki jekk l-influwenza Għarbija baqgħet f'Malta sa ma dawn tkeċċew għal kollox, nistgħu ngħidu li Malta bdiet issir iktar u iktar Ewropea u reġgħet twaqqfet mill-ġdid ir-reliġjon Kattolika fil-Gżejjer. Dawn kienu jitkellmu bil-Latin jew bl-Isqalli. Kien f'dan iż-żmien li l-Malti beda jinqata' mill-Għarbi Klassiku u jitħallat mal-Isqalli. F'dawn iż-żminijiet, nistgħu ngħidu li hawnhekk twieled l-ilsien Malti, jew il-Malti Bikri. Wara xi żminijiet il-Maltin saru parti mill-Imperu Spanjol.
Fl-1530, il-Gżejjer ingħataw lill-Ordni tal-Kavallieri ta' San Ġwann. L-Ordni kien jitkellmu bit-Taljan. Dawn in-nies tħalltu mal-Maltin fil-postijiet tax-xogħol u anke biż-żwiġijiet. B'hekk l-ilsien Malti għadda minn fażi oħra għax beda jitħallat mat-Taljan. Mela l-element Rumanz wassal għall-formazzjoni tal-Malti Nofsani.
Qabel mal-Kavallieri aċċettaw, dawn waqqfu kummissjoni biex jaraw l-istat tal-pajjiż. Sabu art niexfa, b'poplu mferrex madwar il-gżejjer kollha u b'żewġ imkejjen biss li kellhom ħjiel ċkejken ta' difiża: l-Imdina, bis-swar tagħha, u l-Birgu bil-Castrum Maris illum il-Fortizza ta' Sant'Anġlu. Il-Kavallieri għażlu jaċċettaw il-proposta tal-Imperatur Karlu V, u ddeċidew li joqogħdu fil-Birgu, peress li din il-lokalità kienet mal-baħar u kellha wkoll port eċċezzjonali; żewġ assi importanti għall-Kavallieri li kienu ilhom imdorrijin għal ħajja ta' kursara Kattoliċi. Wara dan, l-Ordni beda jsaħħaħ il-Birgu bi swar, u ġie deċiz li jittellgħu swar fuq l-Isla, bil-Fortizza ta' San Mikiel, kif ukoll fortizza biex tiddefendi d-daħla tal-Port il-Kbir, il-Fortizza ta' Sant'Iermu.
Tkun illużjoni, imma, jekk wieħed jaħseb li mad-daħla tal-Ordni Malta tbiddlet f'fortizza felħana: l-attakki tal-furbani misilmin żdiedu, u sa waslu biex fl-1551, taħt il-kmand ta' Dragut, ħabtu għal Għawdex u kaxkru l-Għawdxin kollha ħlief ix-xjuħ u l-morda. Wieħed irid jinnota iżda li l-għan ta' dan l-attakk kien li jidħlu fil-Birgu, għad li falla minħabba s-saħħa li bdiet tiżdiet tal-Ordni.
Din is-saħħa tpoġġiet taħt sforz kbir fl-Ewwel Assedju ta' Malta, msejjaħ L-Assedju L-Kbir, li beda fit-18 ta' Mejju tal-1565, fejn Malta spiċċat tiġġieled mal-forza kbira tal-Imperu Ottoman. Fit-8 ta' Settembru 1565, ġurnata li sal-lum għadha titfakkar b'festa nazzjonali, l-Ottomani, wara iktar minn tliet xhur ta' taqbid, indunaw li kienet waslet għajnuna minn Sqallija, l-hekk imsejjaħ Gran Soccorso, li waslithom għat-telfa tagħhom, fil-jum li baqa' mfakkar mal-Maltin bħala Jum il-Vitorja
Din ir-rebħa waħħdet l-Ordni ma' Malta, u dawn baqgħu sal-lum jissejħu "Kavallieri ta' Malta". Wara din ir-rebħa bnew iktar fortifikazzjonijiet speċjalment madwar il-Port il-Kbir, bnew kapitali ġdida, il-Belt Valletta u għollew l-istandard tal-għajxien tal-poplu inġenerali. Il-ħakma tagħhom waslet fit-tmiem tagħha meta Napuljun rebaħ il-Gżejjer fl-1798. Il-Maltin qamu għall-Franċiżi u bdew l-Imblokk, grazzi għal għajnuna tar-Renju taż-Żewġ Sqallijiet u tal-Gran Brittanja. L-Ingliżi ħadu l-Gżejjer bħala protettorat fl-1800 u ħatru lil Sir Alexander John Ball bħala gvernatur, bl-għan li l-gżejjer jerġgħu jaqgħu f'idejn l-Ordni wara l-Gwerer Napoleoniċi.
Dan it-tir ma tantx dam: fl-1814, bħala parti mit-Trattat ta' Pariġi, Malta uffiċjalment saret parti mill-Imperu Britanniku u kienet tintuża bħala stazzjon, bażi navali u s-sede uffiċjali tal-Flotta Navali Mediterranja Ingliża, sakemm din ittieħdet f'Lixandra fl-Eġittu minħabba l-fatt li Malta kienet qrib wisq l-Italja belliġerenti.
Malta żvolġiet rwol importanti ħafna fit-Tieni Gwerra Dinjija, minħabba li kienet qrib ħafna r-rotot navali tal-Forzi tal-Assi, u mhux eżaġerazzjoni li wieħed jgħid li Malta sofriet it-Tieni Assedju tagħha meta din saret wiehed mill-iktar postijiet bumbardati tad-dinja, fil-'Blitz' tal-forzi tal-ajru Ġermaniżi u, sa ċertu punt, Taljani.
Wara din il-Gwerra, Malta ngħatat l-Indipendenza tagħha fil-21 ta' Settembru, 1964. Malta baqgħet membru tal-'Commonwealth' bil-Kap tal-Istat tibqa' r-Reġina Eliżabetta II bħala Reġina ta' Malta, u wara saret repubblika fl-1974 bi President. F'referendum li sar f'April 2003, il-votanti wrew ir-rieda tagħhom biex Malta tidħol fl-Unjoni Ewropea, biex b'hekk Malta saret membru sħiħ fl-1 Mejju, 2004.