Volodymyr Oleksandrovych Zelenskyy[1][2] (bl-Ukren: Володимир Олександрович Зеленський, pronunzjat: [woloˈdɪmɪr olekˈsɑndrowɪdʒ zeˈlɛnʲsʲkɪj]; twieled fil-25 ta' Jannar 1978) huwa politiku, eks attur u komiku Ukren li ilu jservi ta' President tal-Ukrajna mill-2019.
Zelenskyy trabba f'Kryvyi Rih, reġjun li fejn jitkellmu l-iktar ir-Russu fix-Xlokk tal-Ukrajna.[3] Qabel il-karriera tiegħu bħala attur, Zelenskyy kiseb Lawrja fil-Liġi mill-Università Ekonomika Nazzjonali ta' Kiev. Imbagħad kompla bħala komiku u ħoloq kumpanija tal-produzzjonijiet komiċi msejħa Kvartal 95, li tipproduċi films, cartoons, u shows tat-televiżjoni, inkluż Servant of the People, fejn Zelenskyy ħadimha tal-President tal-Ukrajna. Is-sensiela xxandret mill-2015 sal-2019 u kienet tassew popolari. F'Marzu 2018 ġie stabbilit partit politiku bl-istess isem tas-show televiżiv b'impjegati ta' Kvartal 95.
Zelenskyy ħabbar il-kandidatura tiegħu għall-elezzjonijiet presidenzjali Ukreni tal-2019 lejlet il-31 ta' Diċembru 2018, fl-istess ħin tad-diskors ta' Lejliet l-Ewwel tas-Sena tal-President Petro Poroshenko fuq il-kanal televiżiv 1+1. Mhuwiex persuna li għamel karriera politika, iżda diġà kien minn ta' quddiem fl-ewwel stħarriġiet li bdew isiru għall-elezzjoni. Huwa rebaħ l-elezzjoni bi 73.2 % tal-vot fit-tieni rawnd, kontra Poroshenko. Huwa jiġi identifikat bħala populista, u hu stess ippożizzjona lilu nnifsu bħala figura kontra l-korruzzjoni u kontra l-establishment.
Bħala President, Zelenskyy huwa proponent tal-gvern elettroniku u l-għaqda bejn il-partijiet tal-pajjiż li jitkellmu bl-Ukren u dawk li jitkellmu bir-Russu.[4] L-istil ta' komunikazzjoni tiegħu juża ferm il-midja soċjali, b'mod partikolari Instagram.[5] Il-partit tiegħu rebaħ b'ħafna voti f'elezzjoni leġiżlattiva li saret malajr ftit wara l-inawgurazzjoni tiegħu bħala President. Matul l-amministrazzjoni tiegħu, Zelenskyy sostna t-tneħħija tal-immunità legali għall-membri tal-Verkhovna Rada, il-parlament tal-Ukrajna, ir-rispons tal-pajjiż għall-pandemija tal-COVID-19 u r-reċessjoni ekonomika sussegwenti, u xi progress fl-indirizzar tal-korruzzjoni.[6][7] Il-kritiċi ta' Zelenskyy isostnu li sabiex jaħtaf il-poter minn idejn l-oligarki Ukreni, huwa pprova jiċċentralizza l-awtorità u jsaħħaħ il-pożizzjoni personali tiegħu.[8]
Zelenskyy wiegħed li jtemm il-kunflitt twil tal-Ukrajna mar-Russja bħala parti mill-kampanja presidenzjali tiegħu, u pprova jidħol fi djalogu mal-President Russu Vladimir Putin.[9] L-amministrazzjoni ta' Zelenskyy iffaċċjat żieda kbira ta' tensjonijiet mar-Russja fl-2021, li laħqu l-milja tagħhom fit-tnedija ta' invażjoni Russa fuq skala sħiħa fi Frar 2022. L-istrateġija ta' Zelenskyy matul it-tisħiħ militari Russu kienet li jikkalma l-popolin tal-Ukrajna u jiżgura lill-komunità internazzjonali li l-Ukrajna ma riditx tirritalja.[10] Inizjalment żamm 'il bogħod mit-twissijiet ta' gwerra imminenti, filwaqt li appella għal garanziji ta' sigurtà u għal appoġġ militari min-NATO biex ikun jista' "jirreżisti" kontra t-theddida. Wara l-bidu tal-invażjoni, Zelenskyy iddikjara l-liġi marzjali fl-Ukrajna u mobilizzazzjoni ġenerali.